IL-PUSSES TAL-ARCIPRIET IL-KAN DUN REUBEN MICALLEF BHALA L-HMISTAX IL-KAPPILLAN U R-RABA’ ARCIPRIET TAZ-ZEBBUG, GHAWDEX


 

Nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru 2006, għal Parroċċa taż-Żebbuġ inkitbet paġna oħra storika għal fatt li sar il-Pusses tal-Arċipriet il-Kan Dun Reuben Micallef bħala l-ħmistax il-Kappillan u r-raba’ Arċipriet taż-Żebbuġ, Għawdex. Il-Kan Dun Reuben wara 6 sitt snin mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu u fl-eta’ ta' 31 sena, irċieva l-pussess ta' din il-parroċċa waqt ċerimonja mill-isbaħ.

 

S’issa l-parroċċa tagħna taż-Żebbuġ li twaqqfet fit-28 ta’ April 1688 kienet immexxija minn ħdax il-Kappillan u erba’ Arċiprieti. Bħala l-ewwel Kappillan kien laħaq Dun Franġisk Vella. Huwa kien sewgwit minn Dun Vinċenż Tabone, Dun Ġużepp Speranza, Dun Carlu de Ġiovanni Inglott, Dun Nikola Spiteri, Dun Mikiel Grima, Dun Ġużepp Hili, Dun Ġiovanni Camilleri, Dun Bartilmew Busuttil, Dun Anton Grima u Dun M’Anġelo Cauchi.

 

 

Imbagħad bħala l-ewwel Arċipriet kien sar Dun Franġisk Mercieca. Warajh ġew Dun Alwiġ Vella u Kan Dun Noel Saliba u issa l-Kan Dun Reuben Micallef mir-raħal ta’ Kerċem.

 

Iċ-ċerimonja tal-Pusses bdiet wara nofs in-nhar għal ħabta tat-3.30pm meta akkumpanjat minn ommu Ersilja, ħutu Rosanne u Alan flimkien mal-familjari tagħhom, zijiet, kuġini u qraba oħra ħareġ mid-dar tiegħu fi Triq San Pietru u San Pawl f'Kerċem u mexa sal-Knisja Parrokjali tagħna f"Kerċem. Mat-triq intlaqa minn għadd ta' Kerċmin li ferħulu għal ħatra tiegħu. Fuq iz-zuntier huwa ngħata merħba mis-Sindku Joe Grima u mill-Kappillan Dun Injazju Borg. Huwa daħal il-Knisja fejn bierek lil dawk preżenti u wara għamel mumenti ta' talb quddiem Ġesu' Sagramentat. Huwa wkoll għamel messaġġ qasir lil dawk preżenti u sellem lil Patruni ta’ raħal twelidu, l-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir.

 

 

Minn Kerċem, akkumpanjat mill-Kanċellier tal-Kurja Mons. Salv Debrincat flimkien mas-Sindku ta' Kerċem rikbu l-karozza ċerimonjali u għamel żjara fil-Knisja Katidrali ta' Għawdex, fejn għal dawn l-aħħar 4 snin kien iservi bħala Vigarju Parrokkjali. Huwa ntlaqa mill-Arċipriet Mons. Dr. Joe Vella Gauci u l-Kapitlu Katidrali. Wara mumenti ta' talb fil-Kappella tas-Sagrament u vista lil Santa Marija, il-korteo telaq lejn il-parroċċa taż-Żebbuġ. Jakkumpanjaw il-korteo kien hemm ukoll numru sabiħ ta' karozzi bil-familjari u ħbieb.

Fil-bidu tar-raħal taż-Żebbuġ, l-Arċipriet il-Ġdid ntlaqa bid-daqq ferrieħi tal-baned amalgamati   ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ u dik ta’ San Girgor ta’ Kerċem akkumpanjati minn folla kbira ta’ ċittadini miż-żewġ irħula flimkien ma’ parroċċani oħra mill-Katidrali ta’ Għawdex. Il-karozza li kienu fiha nġibdet minn għadd kbir ta' nies permezz ta' żewġ ħbula twal fejn matul it-triq l-Arċipriet intlaqa b'ċapċip u tixjir tal-idejn.

 

Mal-wasla tal-korteo fil-pjazza, l-baned daqqew l-innijiet lill-Madonna tas-Sokkors, lil Marija Assunta u l-innu tal-Papa ad unur l-ET Mons Isqof Mario Grech. Wara fuq iz-zuntier saret it-tannieqa fraterna ta’ merħba mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech u l-ex Arċipriet Noel Saliba.

Mbagħad inqrat poeżija mis-Sur Joe Bajada, Viċi Sindku taż-Żebbuġ u sar indirizz ta' merħba mis-Sindku Carmelo Saliba.

 

Wara l-ET Mons Mario Grech libbes l-istola ta’ l-arċipretura lil l-Arċipriet l-Kan Dun Reuben Micallef, stola li hija s-simbolu tal-missjoni ġdida tiegħu ta’ ragħaj spiritwali biex jindokra u jagħti kura lil din il-merħla Żebbuġija li ġiet fdata f’idejh. Mbagħad l-ET Isqof stieden lil Arċipriet l-ġdid l-Kan Dun Reuben Micallef biex jiftaħ il-bibien tal-knisja. Wara l-miġema kollha mxiet wara l-Isqof u l-Arċipriet il-ġdid matul il-knisja, li ġa kienet kważi mimlija bin-nies biex kien iċċelebrat is-sagrifiċċju ta’ l-Ewkaristija bis-sehem ukoll ta’ diversi Monsinjuri, Arċiprieti, Kappillani, Saċerdoti u Patrijiet.

 

Apparti l-ħatra tiegħu bħala Arċipriet tal-Parroċċa tagħna, fuq rakkomandazzjoni tal-ET Mons Isqof, Dun Reuben riċentament ukoll kien mogħti t-titlu ta’ Kanonku Onorarju tal-Bażilika ta’ l-Għarb.

 

 

 

Fil-bidu tal-quddiesa, l-Arċipriet il-ġdid ġedded il-wegħdiet saċerdotali tiegħu. L-omelija tal-okkażjoni saret minn Mons. Isqof u wara huwa stess ta l-pussess lill-Arċipriet il-Ġdid. Inqara d-diġriet mill-Kanċillier Mons. Salv Debrincat. Wara Mons Isqof ta l-pussess ta' l-aktar postijiet sagri tal-Knisja lill-Arċipriet - fosthom is-sedje arċipretali, t-tabernaklu, l-konfessjonarju u l-fonti tal-magħmudija. Tpoġġa wkoll bukkett fjuri fuq il-qabar tal-ewwel Kappillan taż-Żebbuġ, li l-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-Kappella tal-Kunċizzjoni fl-istess Knisja Arcipretali u Matrici.


Mument interessanti kien id-daqq tal-qanpiena l-kbira, permezz ta' ħabel tal-fjuri li kien imdendel f'nofs il-Knisja ftit ‘l gewwa mill-bieb il-kbir. Wara kompliet il-quddiesa, li kienet akkumpanjata bid-daqq tal-orkestra tas-Surmast Joseph Mallia u z-zewg korijiet tal-parroċċa ‘Santa Marija’ u ‘Regina Angelorum’.

 

Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċipriet il-ġdid il-Kan Dun Reuben Micallef għamel messaġġ qasir li fih huwa rringrazzja lil dawk kollha li għinuh matul il-kors tal-ħajja tiegħu. Huwa appella lil dawk kollha preżenti sabiex ikomplu jitolbu għalih, biex il-Mulej ikompli jżomm idejh fuqu u jgħinu f'din il-missjoni ġdida li ġiet afdata f'idejh.

 

Lejn tmiem iċ-ċelebrazzjoni nqarat ukoll poeżija mis-Sur Joe Grima minn Kerċem. Għal din il-funzjoni storika kienu wkoll preżenti Onor Anton Tabone, President tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Ġiovanna Debono, Ministru għal Għawdex, id-Deputati kollha Għawdxin, Sindki, Kunsilliera u diversi mistiednin oħra destinti.

 

Wara sar riċeviment kbir fi Triq il-Madonna taċ-Ċiċri li għalih attendew bosta mijiet ta’ nies fejn lejn it-tmiem sar l-qsim tal-cake mill-istess Arċipriet flimkien ma' Mons. Isqof. Dan il-cake flimkien mal-ikel kollu kien mhejji apposta mid-Ditta ta’ David Mercieca minn Kerċem stess.